Il-Korijiet tal-Parroċċa
Fil-parroċċa tagħna għandna żewġ korijiet Parrokkjali: Kor San Pawl u Kor Ilħna Smewwija. Il-Kor San Pawl (membri żgħażagħ u adulti) huwa immexxi minn Jeannine Marie Sammut u Gabriella Grech, filwaqt li l-Kor Ilħna Smewwija (membri tfal) huwa immexxi minn Sr. Giovanna Francesca Curmi.
Il-kalendarju tal-attivitajiet tal-kor jimxi ma’ dak tal-Knisja u tal-Parroċċa. Dawn iż-żewġ korijiet janimaw ġeneralment il-funzjonijiet tal-festi tal-Milied, tal-Ġimgħa Mqaddsa u tal-Għid, ta’ San Pawl, il-festa tal-Ewwel Tqarbina u anke tal-Griżma. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ korijiet mhux l-ewwel darba li ħadu sehem f’attivitajiet oħra barra mill-knisja. Nistgħu nsemmu l-attività ta’ Jum il-Munxar li ssir fiċ-Ċentru Parrokkjali, kif ukoll fid-December Function tal-Leġjun ta’ Marija.
L-għan ewlieni tal-kor m’huwiex biss li jfaħħar u jagħti qima lil Alla permezz tal-kant, imma wkoll li jwassal lil Kristu għand l-oħrajn. Barra minn hekk, il-kor huwa strument importanti li jagħti ħajja u jsebbaħ il-funzjonijiet liturġiċi, fl-istess waqt li jwassal il-messaġġ ta’ Alla – li hu messaġġ ta’ mħabba.
Il-provi tal-Kor San Pawl isiru kull nhar ta’ Sibt fill-5.00pm fil-Knisja
Il-provi tal-Kor Ilħna Smewwija jsiru kull nhar ta’ Ħadd fl-10.30am fil-Kunvent tas-Sorijiet tal-Karità
Jeannine Marie Sammut