Leġjun ta’ Marija

Il-Leġjun ta’ Marija huwa moviment tal-lajċi mwaqqaf mis-Serv t’Alla Frank Duff f’Dublin (l-Irlanda).  L-ewwel laqgħa filfatt saret nhar is-7 ta’ Settembru 1921 fit-8.00 ta’ filgħaxija.  Immexxi dejjem mill-ispirtu tal-Vera Devozzjoni lejn Ommn Marija, mwassla lilna minn San Luigi Marija De Montfort, il-Leġjun ta’ Marija kompla jinxtered l-ewwel fl-Irlanda, fl-Ewropa, imbagħad mad-dinja kollha.

F’Malta, il-Leġjun ta’ Marija twaqqaf minn Monica Walsh, 15-il sena biss wara t-twaqqif tiegħu, fit-3 ta’ Novembru 1936 f’Tas-Sliema. Tajjeb illi nsemmu li l-Leġjun ġie approvat mill-Isqof fis-sena 1940.  B’xorti tajba nistgħu ngħidu li llum il-Leġjun ta’ Marija huwa mxerred fil-parroċċi kollha ta’ Malta u t’Għawdex.  F’Għawdex il-Leġjun ta’ Marija twaqqaf nhar it-22 ta’ Jannar 1950 minn Joseph Bokker u Carmela Formosa.

Sena wara, fl-1952, twaqqaf l-ewwel preasidium fil-parroċċa tagħna tal-Munxar – il-Preasidium tal-Madonna tal-Karmnu (Seniors Nisa), immexxi minn Sr. Carmen Curmi, li kienet diġa tattendi l-Leġjun ġewwa r-Rabat.   Fit-22 ta’ Mejju, 1952, infetaħ it-tieni Preasidium tal-bniet – Omm tal-Parir it-Tajjeb – immexxi minn Sr. Filomena Said li kien fih mat-tletin membru.   L-ewwel Preasidium tas-subien  deher fl-1 ta’ Settembru 1960 bl-isem ta’ Sultana tal-Appostli u fit-13 ta’ April 1977 tfaċċa l-ewwel Preasidium tal-irġiel bl-isem ta’ Omm il-Feddej.

Ma nistgħux nitkellmu dwar il-Leġjun ta’ Marija, mingħajr ma nsemmu lill-Venerabbli Edel Quinn li ħadmet bis-sħiħ matul ħajjitha biex ixxerred din id-devozzjoni lejn Ommna Marija.  Din il-leġjunarja Irlandiża vjaġġat f’ħafna pajjiżi fl-Afrika biex tiftaħ preasidia ġodda.  Minkejja li Edel kienet tbati mill-marda qerrieda tat-Tuberkolożi, hija qatt ma qatgħet qalba u xorta kompliet taħdem u tistinka biex il-Leġjun ta’ Marija jkompli jikber.

L-għan ewlieni tal-Leġjun huwa l-glorja t’Alla permezz tat-tqadddis tal-membri tiegħu, bit-talb u l-appostolat, taħt it-tmexxija tal-Knisja għar-rebħa sħiħa kontra s-setgħat tal-ħażen.  Il-membri tal-leġjun jieħdu l-ispirazzjoni tagħhom mill-Imqaddsa Verġni Marija: umiltà, ubbidjenza u t-tieba tagħha ta’ talb bla heda, is-safa, is-sabar tagħha, l-imħabba tagħha għal Alla u l-fidi tagħha.  (Meħuda mill-website tad-Djoċesi ta’ Malta).

“Li taghti d-dawl lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, li theggeg lil dawk li huma berdin, li terga’ taghti l-hajja lill-mejtin fid-dnub…”

 

Ir-dmirijiet leġjunarji

“Id-dmir leġjunarju jitlob minn kull leġjunarju:

1) Li jattendi fil-ħin u regolarment għal-laqgħa ta’ kull ġimgha tal-preasidium, u li jagħti f’din il-laqgħa rapport sħiħ u li jinstema’ tax-xogħol li jkun wettaq;

2) Li jgħid kuljum il-Catena;

3) Li jwettaq xogħol leġjunarju sostanzjali u attiv, bi spirtu ta’ fidi u f’għaqda ma’ Marija, b’mod li f’dawk li l-leġjunarju jaħdem għalihom u fil-membri sħabu, huwa jara l-Persuna ta’ Sidna Gesu Kristu u lilu jaqdi kif kienet taqdih Marija, Ommu;

4) Li jħares, dejjem u kullimkien, in-natura konfidenzjali ta’ ħafna affarijiet li jiġu diskussi fil-laqgħa jew li jsir jaf bihom waqt ix-xogħol leġjunarju” (Manwal)

 

Laqgħat tal-Leġjun ta’ Marija fil-Munxar

  • Velites : Il-Ħadd @ 9.45am
  • Marija Addolorata (Juniors Bniet): Il-Ħadd @ 9.45am
  • Omm tal-Parir it-Tajjeb (Juniors Bniet): Il-Ħadd @ 9.45am
  • Omm l-Iżjed Nadifa (Intermediates Bniet)
  • Madonna tal-Karmnu (Seniors Nisa): Is-Sibt @ 6.00pm
  • Omm il-Fiduċja (Seniors Nisa): L-Erbgħa @ 3.00pm
  • Mera tal-Qdusija (Juniors Subien): L-Erbgħa @ 7.00pm
  • Sultana tal-Appostli (Intermediates Subien):
  • Omm il-Feddej (Seniors Irġiel)