Lectio Divina

Fil-parroċċa tagħna, ta’ kull ġimgħa jsiru wkoll il-laqgħat tal-Lectio Divina għal kulħadd.  It-terminu Lectio Divina jfisser: Qari tal-Kelma ta’ Alla (Kotba Mqaddsa/Bibbja).  Dan l-eżerċizzju mhux sempliċi qari ta’ dak li nsibu fil-Bibbja, bħallikieku wieħed qed jaqra xi rumanz.  L-eżerċizzju tal-Lectio Divina huwa qari impenjattiv. Wieħed mhux biss irid joqgħod attent għal dak li qed jaqra fil-Kelma ta’ Alla, imma wkoll: jimmeditaha, jitlob permezz tagħha u jikkontemplaha.  Dan ifisser li min jagħmel il-Lectio Divina jrid iħalli l-Kelma t’Alla taħdem fih: fil-ħsibijiet, fix-xewqat u fl-imġiba tiegħu kollha, hekk li jħalliha tagħġnu u tiffurmah kif trid hi, bla ma jagħmel reżistenza. B’dan il-mod huwa jsir ħaġa waħda mal-Kelma u r-rieda ta’ Alla.

L-Ordni Karmelitan twieled fil-bidu tas-seklu 13, fl-Art Imqaddsa, proprju f’dan l-ambjent spiritwali tal-Lectio Divina. Għaldaqstant, meta l-ewwel eremiti Karmelitani talbu lill-Patrijarka ta’ Ġerusalemm, Albertu Avogadro, sabiex jagħtihom għamla ta’ ħajja, huwa kitbilhom Regola mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla. Infatti huwa jħeġġeġ lill-eremiti biex fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum il-Lectio Divina jkollha l-ewwel post.

Il-Lectio Divina hija maqsuma f’erba’ skaluni importanti:

  • Lectio (Qari tal-Kelma t’Alla)
  • Medidatio (Meditazzjoni dwar il-Kelma t’Alla)
  • Oratio (Talb)
  • Contemplatio (Kontemplazzjoni)

Meħuda minn Laikos, Patri Anthony Cilia, Karmelitan

Il-laqgħa tal-Lectio Divina ssir kull nhar ta’ Tnejn wara l-quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja, mmexxiha mill-Kappillan Dun Michael Said.