Koppji Miżżewġa

Il-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieg u għall-Ħajja tal-Familja tkopri 30 laqgħa ta’ siegħa l-waħda mifruxa fuq sentejn (minn Ottubru sa April/ Mejju).  Is-suġġetti huma varjati u interessanti u jinkorporaw aspetti psikoloġiċi, reliġjużi, soċjali, relazzjonijiet bejn il-koppja fid-diversi stadji tagħha,  kif tilqa’ għal problemi bejn il-koppji u għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum u aspetti oħrajn.  Dawn il-laqgħat huma ppreparati fuq bażi djoċesani u huma l-istess fil-parroċċi kollha.

L-għarajjes kollha li ser jiżżewwġu fid-Djoċesi ta’ Għawdex għandhom jattendu għal dan il-kors.  Tajjeb li dan il-kors isir qabel mal-għarajjes jiffissaw id-data taż-żwieg għax f’dan il-kors wieħed ikun jista’ jifhem ftit aħjar iż-żwieġ bħala sagrament u kemm l-għarajjes huma kompatibbli għall-xulxin.

Il-Knisja takkumpanja lil għarajjes matul il-mixja tagħhom fl-għażla li ser jidħlu għaliha.  Żgur li ma jfissirx li min jagħmel il-kors għandu xi garanzija ta’ suċċess fiż-żwieġ.  Però b’ċertezza nista’ ngħid li r-riskju ta’ tifrik taż-żwieġ hu ferm akbar fost dawk l-għarajjes li jidħlu għal din ir-responsibbiltà mingħajr preparazzjoni xierqa.

Georgette Bezzina

“Dawk li ma jemmnux li ż-żwieġ hu għal dejjem,
ma tistax tafdahom lanqas għall-ġurnata waħda.”
Beatu Ġwanni Pawlu II.

Il-laqgħat tal-għarajjes huma mmexxija mill-Kappillan Dun Michael Said, bil-għajnuna ta’ Tony & Georgette Bezzina u Fortunata Pisani. Il-laqgħat isiru nhar ta’ Ħadd, kull ġimgħatejn fid-9.30am fiċ-Ċentru Parrokjali.