Komunita’ Ewkaristika

Għal dawn l-aħħar erba’ snin fil-Munxar kull nhar ta’ Sibt tiltaqa’ l-Komunità Ewkaristika. Nixtieq nibda billi nagħti tifsira ta’ x’inhi din il-komunità u x’inhu l-iskop ta’ dawn il-laqgħat.  Il-Komunità Ewkaristika hija grupp ta’ persuni ġejjin minn stat differenti tal-ħajja li jemmnu u jipprattikaw ir-reliġjon Kattolika u għandhom għal qalbhom l-istess valuri bbażati fuq din ir-reliġjon. L-iskop ta’ dawn il-laqgħat hu li l-membri jiġu mgħejuna jpoġġu l-Bxara t-tajba, jiġifieri l-Kelma ta’ Alla, fil-prattika tal-ħajja tagħhom b’mod ħaj u dinamiku. Fil-qalba ta’ dan hemm mixja ta’ fidi ta’ dixxerniment individwali.

Dawn il-laqgħat għandhom struttura li nirriferu għaliha bħala cycle li tirrepeti ruħha kull ħames ġimgħa.  Il-fatt li l-Vanġelu ta’ San Mark kien l-ewwel fost l-erba’ evanġelisti li tana l-Vanġelu miktub, jispjega l-fatt għala din il-mixja tibda propju mill-qari ta’ dan l-Evanġelista.  Cycle jieħu erba’ ġimgħat u kull cycle hu mibni fuq silta waħda mill-Vanġelu.  L-iskop hu biex wieħed ikun jista’ jinżel aktar fil-fond ta’ dik is-silta partikulari.  Jiġifieri, fuq silta waħda l-komunità tiltaqa’ biex tirrifletti u titlob għal erba’ darbiet konsekuttivi.

Fl-ewwel Sibt ta’ dan is-cycle ta’ erba’ Sibtijiet, membru tal-Komunità stess jipprepara katekeżi fuq dik is-silta magħżula li mbagħad jaqsamha mal-membri l-oħra tal-Komunità. Fi tmiem il-laqgħa, il-membri tal-komunità jiġu mistiedna biex jirriflettu fuq messaġġ partikulari minn dik is-silta matul il-jiem tal-ġimgħa. Dan il-messaġġ għar-riflessjoni u t-talb personali nsejħulu l-frażi jew messaġġ kerigmatiku.

Kif inħejju l-katekeżi li naqsmu flimkien? Grupp żgħir mill-Komunità jiltaqa’ flimkien għal tliet mumenti ta’ studju matul il-ġimgħat ta’ qabel.  F’dawn il-laqgħat ta’ preparazzjoni, l-ewwel tinqara s-silta magħżula, u mbagħad il-presbiteru tal-Komunità jfisser il-qari fl-isfond taż-żmien meta nkiteb il-Vanġelu u fl-istess waqt japplika l-messaġġ tal-silta għaż-żminijiet tal-lum. Imbagħad wieħed jew waħda minnha tħejji l-katekeżi li tkun se titwassal lill-membri kollha tal-Komunità.

Is-Sibt ta’ wara (it-tieni Sibt) ikollna r-riżonanza, jiġifieri wara li nerġgħu naqraw is-silta maħżula, b’mod liberu u min jixtieq, naqsmu esperjenzi personali żgħar ta’ kif ippruvajna matul il-ġimgħa npoġġu fil-prattika l-frażi kerigmatika tas-Sibt ta’ qabel. Dan jgħinna ħafna biex, anke permezz ta’ ftit impenn aktar mis-soltu, il-Kelma ta’ Alla ssir ftit ftit aktar preżenti fil-ħajja tagħna.

Il-laqgħa fit-tielet Sibt ikollna siegħa adorazzjoni fil-knisja parrokjali fejn nitolbu u nisimgħu l-kelma ta’ Alla flimkien. F’din is-siegħa ta’ adorazzjoni, aħna nitolbu flimkien l-Liturġija tas-Sigħat (is-Salmi) u nerġgħu nxandru s-silta li nkunu qed nirriflettu dwarha. Ikollna wkoll mumenti ta’ skiet fejn b’mod individwali nirrifletu fuq il-Kelma ta’ Alla u kif nistgħu nersqu aktar lejn Ġesù u nimpenjaw aktar lilna nfusna fis-soċjetà. Waqt l-adorazzjoni naqraw u nirriflettu wkoll fuq silta mill-Missirijiet tal-Knisja jew mit-tagħlim tal-Knisja, biex inħossuna aktar magħqudin mal-Knisja universali.

Ir-raba’ jew l-aħħar Sibt niltaqgħu flimkien u niċċelebraw l-Ewkaristija. Hemmhekk mill-ġdid nerġgħu nxandru l-istess silta tal-Vanġelu li dwarha nkunu mmeditajna u tlabna fis-Sibtijiet ta’ qabel. Ikollna mumenti fejn naqsmu talb spontanju flimkien, u fi tmiem il-quddiesa jkollna Agape – fejn naqsmu flimkien bħal aħwa xi ħaġa tal-ikel u tax-xorb li kull wieħed u waħda minnha nħejju.

Is-Sibt ta’ wara nibdew cycle ġdid, b’silta ġdida mill-Vanġelu li ssegwi dik ta’ qabel, u b’animaturi differenti minn dawk preċedenti. B’hekk fuq numru ta’ snin nittamaw li nkunu mxejna mal-Vanġelu kollu ta’ San Mark permezz tal-meditazzjoni, tat-talb u tal-Ewkaristija flimkien.

Il-ħajja hija misteru li l-Ħallieq biss kapaċi jiżvela! Imma Alla ħalaqna xbieha tiegħu u għaldaqstant għandna l-kapaċità li nagħrfu ngħixu b’dinjità.  Permezz ta’ dawn il-laqgħat jiena konvinta li s-smigħ tal-Kelma tiegħu huwa l-għerq u mezz biex nara aktar ċar l-iskop veru ta’ dan il-passaġġ tiegħi fid-dinja.  Nagħraf li hemm possibbiltà li nikber permezz tas-smigħ tal-Bxara t-tajba.  Però hi meħtieġa d-disponibbiltà kontinwa tiegħi biex il-Kelma tiegħu tibdilni, għax inkella tkun fidi li ma tipproduċix frott. Ċertament il-fatt li nattendi dawn il-laqgħat ma jfissirx li ser inkun meħlusa mill-kurrenti li ser niltaqa’ magħhom matul il-ħajja. Id-differenza tkun kif jiena nevalwa u ngħix ċerti stiwazzjonijiet. Permezz tal-Komunità Ewkaristika jiena konxja aktar mill-aspett tal-essenzjal tal-ħajja u li tipprova tgħix b’sempliċità u b’umiltà fit-triq li hija Kristu stess.

Il-Komunità Ewkaristika hija miftuħa għal membri ġodda, anke koppji

Il-presbiteru li jmexxi l-Komunità Ewkaristika huwa Dun Giovanni Curmi

Il-laqgħa ssir kull nhar ta’ Sibt fis-7.00pm