Day Centre

Għal dawn l-aħħar tliet snin, fil-Kunvent tas-Sorijiet tal-Karità fil-Munxar, beda jsir id-Day Centre għall-anzjani, fuq l-inizjattiva tal-Madre Provinċjali tas-Sorijiet tal-Karità, Sr. Salvina Bezzina u bil-għajnuna tal-Kappillan Dun Michael Said.  Il-membri kollha ta’ dan id-Day Centre jiltaqgħu kull nhar ta’ Ġimgħa mid-9 ta’ filgħodu sal-11.30.  Dan id-Day Centre jagħti opportunità lill-anzjani kollha, mhux biss dawk mir-raħal tagħna, biex iqattgħu ftit ħin flimkien u fl-istess waqt jitgħallmu xi ħaġa.

Normalment il-programm ta’ kull ġimgħa jkun mqassam hekk:

  • Ħin ta’ talb jew adorazzjoni (meta tkun l-ewwel Ġimgħa tax-xahar)
  • Ħin ta’ sharing, fejn il-membri jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien
  • Logħob tat-tombla
  • Taħdita minn xi ħadd kompetenti dwar xi suġġett partikulari (kull ġimgħa suġġett varjat)
  • Coffee Break, fejn kulħadd ikun jista’ jieħu xi kikkra te jew kafè flimkien ma xi biċċa kejk!

F’dan id-Day Centre, dawk kollha li jattendu se jsibu dik ir-rokna li tkun tolqothom.  Ħafna mit-taħditiet li jsiru jkunu ta’ interess kbir għall-membri.  Fost il-laqgħat li saru f’dawn l-aħħar snin nistgħu nsemmu dawk marbutin mas-saħħa, fejn kienu mistiedna nurse u anke tabib.  Barra minn hekk ingħataw ukoll taħditiet dwar l-ewwel għajnuna u mingħand il-ħaddiema tat-tifi tan-nar.  Dawn kollha taw suġġerimenti u ideat lill-membri x’jistgħu jagħmlu f’każ ta’ emerġenza.  Minbarra dawn nistgħu nsemmu laqqgħat oħra aktar spiritwali, li saru kemm mill-Kappillan u kif ukoll mill-Madre Provinċjali Sr. Salvina Bezzina.  Għal min iħobb isajjar ma naqsux ukoll xi sezzjonijiet tat-tisjir b’xi riċetta bnina u tajba għas-saħħa, ippreparati minn Helen Debrincat.

Fl-aħħar tax-xahar, tiġi organizzata ħarġa għall-membri kollha tad-Day Centre.  Ħafna drabi l-ħarġa tkun tibda b’quddiesa f’xi knisja u wara ikla flimkien f’restaurant tajjeb.  Fi żmien il-Milied ma naqsitx ukoll ħarġa fejn il-membri setgħu jaraw il-presepji f’irħula differenti f’Għawdex u fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira l-membri setgħu jżuru ħafna mill-vari u wirjiet marbutin ma’ dan iż-żmien.  Ġiet organizzata ħarġa sa Malta, fejn dawk li jħobbu jixtru setgħu jgħaddu nofstanhar ġewwa l-monti tal-Mosta!

Biex dawn il-laqgħat ta’ kull ġimgħa jkunu ta’ suċċess u jinteressaw lil dawk kollha li jattendu, żgur li jrid ikun hemm preparazzjoni kbira minn qabel.  Tajjeb li nsemmu li kultant żmien jiltaqa’ flimkien il-grupp ta’ helpers biex jiddiskuti l-programm tal-laqgħat li jkun imiss.  B’hekk il-membri jkunu jistgħu jgawdu minn programm varjat mimli tagħlim u divertiment!

Helpers: Kappillan, Sr. Clemenza Gravino, Helen Debrincat, Rita Farrugia, Carmen Debrincat, Maria Żammit, Ġanna Sultana

Id-Day Centre jiltaqa’ kull nhar ta’ Ġimgħa mid-9.00am sal-11.30am