Storja

It-Twaqqif tal-Parroċċa

Xewqa li tinbena Kappella

Minn manuskritti ta’ kważi mitt sena ilu, li huma miżmuma għand il-Kan. Dun Nikol Vella Apap, Dun Ġużepp Żammit jgħidilna li kien il-Kappillan tal-parroċċa ta’ Sannat, Dun Alessandru Cauchi, li meta kien jara li x-xjuħ u t-tfal żgħar tal-Munxar, parti mill-parroċċa fdata f’idejh, ma setgħux ikomplu kif xtaq hu, minħabba ‘l bogħod, id-dmirijiet tagħhom ta’ veri nsara, ried li tinbena knisja żgħira għall-kumdità tagħhom.

Għalhekk f’Novembru tas-sena 1897, hu personalment kien ta kummissjoni lill-Kan. Salv Bondi biex jagħmel pjanta ta’ din il-Knisja żgħira.  Sa mis-sena 1885 kien hemm xewqa li jekk għad tinbena xi kappella jew knisja żgħira, din tkun iddedikata lill-Preżentazzjoni tal-Madonna.  Imma Dun Xand ried li l-Knisja tkun iddedikata lil San Xmun, li jġib is-serrieq f’idejh, billi hemm rabta mal-isem Munxar.  Dan jista’ jkun ukoll billi fix-xaqliba li minn triq Ras il-Bajjada tagħti għax-Xlendi, kien hemm ukoll kappella iddedikata lil dan il-Qaddis Appostlu, li illum ma fadal xejn minnha ħlief isem Triq San Xmun.

Kien patri Manwel Bugeja, Patri Agostinjan, li kellu l-ġenituri tiegħu mnisslin mill-Munxar, li f’Diċembru tal-istess sena għamel rikors lil Mons. Pietru Pace, Isqof ta’ dak iż-żmien, għal dan il-għan.  Ir-rikors sar għand in-Nutar Luigi Calleja.  Meta l-isqof Pietru Pawl informa b’dan ir-rikors lill-Kappillan Dun Xand, dan offenda xi ftit ruħu, għax billi kienet tiegħu l-ewwel idea, xtaq li r-rikors isir minnu.  Lanqas kien tal-parir li l-post imsemmi biex fuqu tinbena l-Knisja kellu jkun fir-raba’ ta’ Feliċ Grima “tal-Kbar” imma xtaqu iktar ‘il bogħod mill-Knisja parrokkjali.

Biex kulħadd ikun jista’ jgħin fil-bini

Issa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sannat, x-xbieha ta’ Ġesu Nazzarenu, li għadha teżisti sal-lum, kellu devozzjoni kbira fost il-poplu.  Patri Manwel Bugeja, wera x-xewqa tiegħu fir-rikors li għamel, li l-Knisja l-ġdida tkun iddedikata lil Ġesu Nazzarenu.  B’hekk il-poplu kollu ta’ Sannat seta’ jgħin fil-bini ta’ din il-knisja, billi n-nies tal-Munxar kienu diġa għenu bis-sħiħ fil-bini tal-Knisja Parrokkjali tagħhom.  X’sar minn dan ir-rikors, mill-pjanta u minn dan il-proġett sa issa ma nafux, biss jidher li mal-mewt ta’ dawn il-promoturi waqaf kollox.  Imma żgur li l-bini ta’ knisja ġdida kien għadu jberren fl-imħuħ u fil-qlub tal-Munxarin kollha.

In-nies tal-Munxar kienu assidwa għall-funzjonijiet kollha li kienu jsiru fil-knisja Parrokkjali tagħhom, imma fil-ġranet tal-maltemp aktar kienu jsibu kenn u qrib li jmorru jisimgħu l-quddies f’San Kalċedonju, illum Manresa, id-dar tal-irtiri.  U dawk tan-naħa t’isfel ta’ Triq Munxar, mhux l-ewwel darba li nhar ta’ Ħadd kienu jmorru jismgħu l-quddies fil-Knisja ta’ Triq tal-Għajn.

Dun M’Anġ Spiteri

Ħafna mill-irġiel nhar ta’ Sibt filgħaxija kienu jmorru jqerru għand qassis twajjeb , Dun Mikiel Anġ Spiteri, fil-Knisja ta’ San Ġorġ, fir-Rabat, illum Bażilika Kolleġġjata. Dan Dun Mikiel Anġ kien qassis ħabrieki u kien lest dejjem jgħin lil kull min kien ikun fil-bżonn, kemm b’pariri siewja, kif ukoll b’għoti ta’ karità.

Għalhekk meta ra l-bżonn spiritwali tan-nies tal-Munxar, li issa kien drahom sewwa, kien hu li ndaħal u ġabar il-firem tan-nies li kienu joqogħdu l-Munxar.  Huwa għamel rikors lill-isqof Gio-Maria Camilleri (mingħajr data) imma li kopja tiegħu tinsab miżmuma fl-arkivji tal-knisja, fejn wera li kien hemm bżonn li tinbena knisja mdaqqsa f’dan il-lokal.  Barra li kien hemm min ried li jagħti l-art b’xejn, ħafna persuni kienu lesti li jikkontribwixxu għal dan il-bini.  Ir-rikors ikompli jgħid li din il-Knisja għandna tinbena b’tifkira tal-24 Kungress Ewkaristiku li kien għadu kif ġie ċċelebrat f’Malta. 

Għotja tal-art biex tinbena l-knisja

Sadanittant, li r-rikors kien qiegħed għand l-isqof, dan Dun Mikiel Anġ baqa’ jaħdem fost il-poplu tal-Munxar u fl-24 ta’ Marzu, 1913, Lorenzo, Ġużepp u Maria aħwa Cassar (Ta’ Katalla), quddiem in-nutar Ġużeppi Camilleri, taw b’donazzjoni lil Dun Mikiel Anġ, iben il-Kaptan Salvu Spiteri, li jaċċetta biċċa raba’ msejħa “Tal-Ħanut”.  Hemm min isejħilha wkoll “Ta’ Natala” tal-kejl ta’ 2 sigħan u nofs biex fuq din l-art tinbena Knisja bil-kundizzjoni li l-bidu tagħha irid isir matul din is-sena, 1913.  Dawn l-aħwa Cassar riedu wkoll li l-Knisja tkun tesa’ l-popolazzjoni tal-Munxar u li meta titlesta ikun hemm kitba li turi din l-għotja.  Din il-kitba tinsab taħt il-gallerija tal-orgni.

Fil-21 ta’ Marzu, 1913, il-Perit Ġużeppi Refalo, flimkien mal-imgħallem bennej Luigi Vella miż-Żebbuġ, għamlu prestura tal-art imħollija fuq talba tal-istess aħwa Cassar.  L-istima kienet ta’ £38.  Minn dan li għidna, jidher li lsqof kien informa lill-Arċipriet ta’ Sannat, Dun Andrea Vella, bir-rikors, u kien sar xi diskors, jekk mhux ukoll bil-miktub, dwar il-pjanta tal-Knisja, dwar l-art u min kien ser jikkontribwixxi għall-bini.  Dan għaliex kien fl-24 ta’ Marzu, 1913 li l-Isqof bagħat l-imsemmi rikors tan-nies tal-Munxar lill-Arċipriet, li dan irrispondieh fil-5 ta’ April tal-istess sena.

Ir-risposta kienet hekk:

  • B’referenza għad-digriet tiegħek għandi l-unur li nerġa’ ntenni dak li ġa għidtlek, li hija ta’ pjaċir għalija d-domanda li għamlu n-nies tal-Munxar, imma:
  1. Li tinbena biss Kappella
  2. Li ssir pjanta tal-Kappella u tkun appprovata mill-Arċipriet
  3. Li jinstab post ċentrali
  4. Li tiġi indikata l-persuna li tieħu ħsieb il-bini
  5. X’inhi s-somma li lesti jikkontribwixxu
  6. Li din il-Kappella tkun suġġetta f’kollox għall-Arċipriet
  7. Li ma jkunx hemm spirtu ta’ partit
  8. Li l-firma tkun ta’ rġiel maturi biss u mhux nisa u tfal

 

Pjanta tal-Knisja

L-Isqof informa b’dan kollu lil Dun Mikiel Anġ u billi dan kellu kollox lest minbarra l-pjanta, qabbad lill-Imgħallem Luigi Vella.  L-ewwel pjanta li għamel m’għandhiex data, kienet twila 98 pied, wiesgħa 42 pied u fis-salib 62 pied.  Is-salib ma kienx fil-forma li teżisti llum, imma aktar kienet donnha tixbah lill-Knisja tal-Għarb, bl-artali mal-pilastri maġġuri.

Dedikata lil San Pawl Nawfragu

Tajjeb hawnhekk ta’ min isemmi li Dun Mikiel Anġ xtaq li l-Knisja tkun iddedikata lis-Salvatur, forsi għax missieru kien jismu Salvu, imma din ix-xewqa malajr tbiddlet u l-Knisja kellha tkun iddedikata lin-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl.  Billi ż-żmien stipulat fil-kuntratt kien għaddej ġmielu, xi nies fl-aħħar ġranet tas-sena 1913 waqqgħu l-ħajt tas-sejjieħ li kien jagħti għat-triq u tefgħu l-ġebel tal-barriera ġol-għalqa, li kellu jservi għall-bini tal-pedamenti.

Bidu tal-Bini

Fl-ewwel ta’ Frar 1914, Dun Mikiel Anġ Spiteri flimkien mal-bennej Luigi Vella, Ġanni Saliba (ta’ Saliba), Ġużepp Grima tas-Siku u Pawlu Said tal-Ħabba, marru għand l-Arċipriet biex iġibu mingħandu l-permess meħtieġ u jibdew il-bini tal-Knisja kif proġettata u jitranġa l-inkwiet li nqala’ bejniethom.

Il-laqgħa ġiebet fit-tul, imma jidher li ma nstabet l-ebda soluzzjoni.  Imma l-għada 2 ta’ Frar, l-istess bennej Wiġi Vella bla ma qagħad jara l-konsegwenzi, mgħejjun min-nies beda jaqla’ s-siġar tal-bajtar u beda jħaffer għall-pedamenti.  Għal Dun Mikiel Anġ, li kien responsabbli quddiem l-awtorità tal-Knisja, dan kien inkwiet kbir.  Dan il-qassis kellu f’idejh is-somma ta’ £60, £18 ħariġhom il-Kaptan Lorenzo Said tal-Farfett u £42 l-oħra nġabru minn persuni differenti.

Fis-6 ta’ Ġunju, 1914, l-Isqof kien wissa lil Dun Mikiel Anġ biex jieqaf mill-bini u jikkonsenna l-flus li kellu f’idejh.  Ix-xogħol baqa’ miexi xorta waħda għalkemm Dun Mikiel Anġ kellu jwarrab mix-xena fit-18 ta’ Settembru.  Fis-7 ta’ Marzu, 1915, il-bennej Wiġi Vella wasal bil-bini sal-bażi tal-pilastri u x-xogħol waqaf hemm.

Miet l-Arċipriet Dun Andrea Vella

Ftit wara li miet l-Arċipriet Dun Andrea Vella fit-12 ta’ Frar 1916, l-Isqof reġa’ bagħat għal Dun Mikiel Anġ u tah l-awtorità biex ikompli jieħu ħsieb il-bini tal-Knisja.  Iżda għal xi raġuni dan ħalla postu lill-ħabrieki Dun Spir Gauci li dak iż-żmien kien surmast tal-Kor tal-Knisja Katidrali.

Dun Spir Gauci

Hawn min jgħid li Dun Spir Gauci mill-ewwel medd għonqu għal dan ix-xogħol u fit-23 ta’ Frar tal-istess sena, Dun Spir kien iħeġġeġ u jagħmel kuraġġ lill-Munxarin biex ilestu mill-aktar fis possibbli din l-opra qaddisa.  Fost il-benefatturi li jgħinu lil Dun Spir Gauci kien hemm Nikola Mercieca tar-Rewrew li ħareġ £10, Rożina Debrincat u oħra li ħarġu £20, Lorenzo Cassar dak li ta l-art b’xejn, £20 barra mill-ġabriet li kienu jsiru regolari mar-raħal.

Tberik tal-Ewwel Ġebla

Kien it-22 ta’ Marzu 1916, meta fost il-ferħ tal-poplu tbierket l-ewwel ġebla u tqiegħdet mill-Vigarju Ġenerali Mons Ġużeppi Farrugia tal-Vers u għamel id-diskors tal-okkażjoni Mons Alfonz M. Hili.  Il-ġebla kienet merfugħa mill-Kummissarju għal Għawdex is-Sur Millard u mill-Maġistrat Ġużeppi Cremona li wara sar imħallef.  Taħt l-ewwel ġebla tqiegħdet munita Ingliża tal-fidda, stoċċ bil-kitba, biċċa ġebla mill-Grotta ta’ San Pawl ir-Rabat, Malta, midalja tas-Sagra Familja u dik ta’ San Pawl, flimkien ma’ relikwi tal-qaddisin martri ġewwa kaxxa taċ-ċomb.

Il-bini tal-Knisja li sal-lum kien fdat f’idejn Ġużepp Vella – il-Bulgariż – issa għadda f’idejn Franġisk Farrugia taċ-Ċattu, mix-Xewkija, waqt li fil-11 ta’ Novembru, 1916, l-Imgħallem Luigi Vella beda jibni s-sagristija biex sa meta titlesta l-knisja tkun tista’ sservi ta’ kappella.  Ix-xogħol tas-sagristija spiċċa fis-6 ta’ Jannar 1917, u ġiet imbierka mill-Arċipriet ta’ Sannat Dun Ġużepp Farrugia, fl-24 ta’ Jannar.  L-għada, festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl qaddes għall-ewwel darba ġa fiha Mons. Spir Gauci fil-5.00 a.m. mimlija bin-nies ferħana bħalu u mdawra miegħu.  Fis-7.00a.m. imbagħad saret quddiesa kantata mill-Arċipriet ta’ Sannat u wara nofs inhar tkanta l-għasar mill-istess Arċipriet u għamel diskors tal-okkażżjoni.

Dun Spir ħadem u stinka, feraħ u beka matul il-5 snin li damet tinbena l-knisja tagħna.  Ħadem mal-bennejja u stinka għall-ġbir.  Feraħ bix-xogħol għax rah tiela’ ġmielu u beka meta kien jara xi tfixkil.  Ħadem u stinka jiġġerra u jittallab kemm fost l-Għawdxin kif ukoll fost il-Maltin, speċjalment meta kien imur ikanta fil-festa ta’ San Pawl tal-Belt.  Kull fejn kien ikun ma kienx jistħi jittallab għall-bini tal-Knisja tiegħu.

Ix-xogħol tal-bini għal dak iż-żmien mexa b’ritmu ħafif.  Il-ġebel li kien jinqata’ mill-barriera mogħtija b’xejn mill-Kapitlu Katidrali, kien jinġarr nhar ta’ Ħadd biex jinbena matul il-ġimgħa ta’ wara.  Kulħadd kien jagħti daqqa t’id – san-nisa u t-tfal kienu jaħdmu: iġorru l-ilma u jagħmlu t-tajn.

Fid-19 ta’ Frar 1921, meta l-ħolma tan-nies tal-Munxar saret realtà, il-Knisja kienet lesta.  Dakinhar tpoġġa s-salib tal-koppla fost il-ferħ ta’ Dun Spir u ċ-ċapċip tan-nies.  Il-gallerija tal-orgni tlestiet fl-24 ta’ April tal-istess sena.

Benefatturi Kbar

Tajjeb insemmu hawnhekk li l-koppla ġiet imħallsa minn Wenzu Cordina ta’ Stejfen, £40.  Il-kampnari £20 minn Wenzu Cassar ta’ Katalla u l-gallerija tal-orgni minn Karmnu Calleja ta’ Ġammaj, £7.

Issa li l-bini kien lest, kien fadal il-bżonnijiet ta’ ġewwa.  Għal dawn, il-Bambin ipprovda benefatturi.  Dun Ġużepp Galea minn Sannat ħallas minn butu l-artal maġġur tal-irħam, il-paviment tal-Knisja, id-damask u l-qniepen il-qodma li kienu fil-knisja ta’ San Ġorġ.

Konsagrazzjoni

Fit-18 ta’ Ottubru tas-sena 1925, il-Knisja ġiet ikkonsagrata minn Mons Isqof Mikiel Gonzi, li wkoll qaddes ġewwa fiha.  Wara nofsinhar sar l-għasar bil-mużika mill-Arċipriet ta’ Sannat Dun Ġużepp Cassar u ppriedka l-Arċipriet tal-Katidral Mons. Alfonz Hili.  Sitt ijiet wara, Patri Feliċ Grima ta’ Ġiesu waqqaf fiha l-istazzjonijiet tal-Via Sagra.  L-ewwel funzjoni li saret kienet in-novena tal-Milied.

Kwadri

Il-Kwadru taċ-Ċintura, xogħol tal-pittur Lazzru Pisani sar fis-sena 1924.  Il-kwadru titulari ta’ Robert Caruana sar fis-sena 1927 u dak tal-Karmnu u San Mikiel saru fl-istess sena minn G.M. Caruana.  Fis-sena 1930 sar il-kwadru ta’ San Ġużepp mill-pittur Domenic Micallef.  Qabel ma kellna l-kwadru titulari tal-lum, kien jintuża kwadru li huwa tal-patrijiet konventwali.

L-Istatwa ta’ San Pawl

L-istatwa ta’ San Pawl kif inhi illum, xogħol tal-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri, qamet is-somma ta’ Lm40.  Lm29 minnhom ħariġhom Ġanni Saliba.  Din kienet ġiet imbierka fil-31 ta’ Jannar, 1933 mill-isqof Gonzi fil-Knisja tal-Munxar.  Wara din ġiet meħuda fil-Knisja Parrokjali ta’ Sannat, mnejn fil-5 ta’ Frar inġabet proċessjonalment lejn il-Knisja tal-Munxar.  Mexxa l-proċessjoni l-Arċipriet Dun Ġużepp Cassar flimkien mal-kleru tiegħu.  Il-priedka f’din l-okkażżjoni saret mill-patri Dumnikan Klement Portelli.

Miet Dun Spir Gauci

Mons. Spiridione Gauci jibqa’ mfakkar b’ittri tad-deheb fil-ġrajja tal-Knisja tal-Munxar.  Imma kif jiġri lil kulħadd minħabba saħħtu, kellu kontra qalbu jċedi r-riedni.  Qalbu żgħira li baqgħet marbuta mar-raħal tagħna, u qlub missirijietna kienu marbuta miegħu wkoll kif jixhed il-funeral li sarlu meta miet.

Dun Karm Xuereb

L-isqof Mons. Ġużeppi Pace ħatar wara Dun Spir bħala Rettur tal-Knisja tagħna lil Dun Karm Xuereb.  Dan m’għamilx għajb lir-Retturi ta’ qablu.  L-amministrazzjoni tiegħu bdiet uffiċjalment fit- 18 ta’ Novembru, 1948 għalkemm kien ilu f’din il-kariga mit-18 ta’ Mejju 1947.  L-intenzjoni ta’ Dun Karm kienet li jsebbaħ dan it-tempju għall-glorja t’Alla u għall-ġieħ tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Flimkien mal-poplu kollu tal-Munxar li sborbżja minn butu, bi pjaċir ta’ min isemmi li fost il-benefatturi kbar li għenu lil Dun Karm f’din l-opra qaddisa, ta’ min isemmi lil Nikola Mercieca, lil Ġanni Saliba u lil Karmnu Sultana.  Bis-saħħa ta’ kulħadd flimkien, fi żmien dan ir-rettur, saru l-artali kollha tal-irħam, il-gandlieri għalihom tal-metall, il-ventartali, il-Baldakkin u dak kollu li hu meħtieġ għall-purċissjonijiet.  Saru anke kappi tal-festa, terzell tal-metall, lampier, ostensorju, pissidi, ċensier u ventartali tal-fidda u ħafna ħwejjeġ oħra li ħafna għandhom jiftakru.

Meta miet l-Arċipriet Cassar fid-19 ta’ Frar, 1950, in-nies tal-Munxar talbu ripetutament lil Mons, Isqof Ġużeppi Pace biex jagħmel il-Munxar parroċċa ġdida.  Milli jidher qabel ma ħa l-pussess ta’ Arċipriet Dun Gorg Debrincat, kien ġa wera x-xewqa tiegħu skont it-talba tal-Munxarin, għaliex skont dokumenti li jinsabu fl-Arkivji tal-Curia, l-Arċipriet meta wasal iż-żmien wera biċ-ċar li ma jsib ebda diffikultà li l-Munxar isir parroċċa.  Però kellha tkun is-sena 1957 biex din ix-xewqa tal-Munxarin issir realtà.

Filfatt fit-8 ta’ Ġunju tal-istess sena, l-Isqof bagħat jinforma lill-Kapitlu Katidrali dwar dan il-ħsieb tiegħu u fit-13 ta’ Ġunju, l-Arċid. Paolo Gauci, preminent tal-Kapitlu, irrisponda għall-ittra tal-isqof, li fl-adunanza tal-10 tal-istess xahar, il-Kapitlu b’vot unanimu, wera li huwa favur din il-ħaġa.

Parroċċa ġdida

B’digriet tat-12 ta’ Diċembru tal-istess sena l-E.T. Mons Isqof għoġbu jgħolli l-Knisja tagħba ddedikata lill-Appostlu Missierna San Pawl għad-dinjità ta’ parroċċa.  Fl-istess data, l-isqof informa lill-Kappillani li huma kienu favur.  Barra dan, ġew infurmati ta’ Sannat, ta’ Kerċem u ta’ Triq tal-Għajn dwar il-limiti ta’ din il-parroċċa l-ġdida.

Il-Kanċillier tal-Curia Mons. Guliermu Grima qara dan id-digriet fil-preżenza tan-nies tal-Munxar li ġew bi ħġarhom fil-knisja u twaħħlu wkoll kopji tiegħu fil-Knisja Katidrali f’Ta’ Sannat, f’Ta’ Kerċem u f’tal-Fontana.

Dan id-digriet beda jseħħ fil-15 ta’ Diċembru tal-istess sena, fejn Mons Xuereb ġie mogħti l-kariga ta’ Vigarju Ekonomu tal-parroċċa l-ġdida sakemm isir l-ewwel kappillan.

L-Ewwel Kappillan

Alan Fenech, ex patri Dumnikan mill-Mosta, Malta, sar b’konkors l-ewwel kappillan ta’ din il-parroċċa.  Hu ħa l-pussess fit-8 ta’ Marzu 1959 minn Mons. Arċipriet Mikieli Cefai bħala delegat tal-Isqof.  Fis-sitt snin parrokat tiegħu, Alan ħadem u stinka għall-formazzjoni spiritwali tal-merħla f’idejh.  Fi żmienu fost affarijiet oħra, irranġa d-dar tal-Kappillan, saru l-gandlieri tal-bronż għall-artali kollha u waqqaf il-fratellanza tar-Rużarju.  Saru wkoll pissidi tal-fidda, il-bieba tat-Tabernaklu u l-fonti tal-Magħmudija tal-irħam.

Meta l-Kappillan Alan Fenech sar Monsinjur tal-Katidral, laħaq il-kappillan Dun Salv Debrincat, iben l-istess parroċċa.  Ħa l-pussess bħala t-tieni Kappillan tal-Munxar fid-19 ta’ Diċembru 1965.  Dun Salv Debrincat ħadem ħafna biex jinbena ċ-Ċentru Parrokali, li matul iż-żmien laqa’ u għadu jilqa’ kemm iż-żgħar u anke l-kbar tar-raħal tagħna.  Fih kien u għadhom isiru diversi laqgħat ta’ formazzjoni fosthom id-Duttrina (li fi żmien Dun Salv kien immexxi mis-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu),  l-Azzjoni Kattolika u l-Leġjun ta’ Marija.  Hawn f’dan il-post għadhom isibu rekreazzjoni għadd kbir ta’ ġuvintur u xebbiet fi sports ta’ kull għamla u f’librerija mdaqqsa għall-formazzjoni intelletwali li jridu jinqdew biha.

Meħuda mir-Rivista Id-Dawl, Ħarġa Speċjali 2

Miktuba minn Mons, Ġużeppi Curmi