L-Appostlu Missierna San Pawl

Il-Ħajja ta’ San Pawl

It-tagħrif fuq il-ħajja ta’ San Pawl nafuh minnu stess u kif ukoll minn San Luqa fil-ktieb ta’ Atti tal-Appostli.

San Pawl kien Lhudi mill-belt ta’ Tarsu, belt kbira u magħrufa.  Dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma ta’ Ruma.  Pawlu u l-familja tiegħu mhux biss kienu Lhud, imma wkoll Farisin ta’ rashom sħuna.  Kienu jżommu bir-reqqa mal-liġi ta’ Mosè.  Dak kollu li ma kienx jaqbel mal-liġi kien ħażin, dnub u ħaqqu l-qerda.

Bħala Lhudi, Pawlu kellu isem ta’ Sawl, imma mal-Griegi u mar-Rumani kellu l-isem ta’ Pawlu, għax hekk kienet id-drawwa ta’ dawk il-Lhud li jgħammru qalb il-Griegi u r-Rumani: li jkollhom żewġ ismijiet.

L-ewwel tagħlim Pawlu ħadu f’Tarsu, fid-dar u fl-iskejjel tal-Lhud.  Imbagħad meta kiber kien mibgħut Ġerusalemm biex jitgħallem il-liġi u jaqbad it-triq tal-unuri bħala għaref tal-liġi.  Mingħand Gamaljel, bniedem għaref, Pawlu tgħallem l-istorja tal-poplu Lhudi u l-preċetti morali.  Għalhekk Pawlu trawwem sewwa b’dak it-tagħlim tal-kotba mqaddsa li wara swielu ħafna biex ixandar l-Evanġelju qalb il-Lhud.  Hemm f’Ġerusalemm Pawlu kiber għall-aħħar bil-ħeġġa tat-tagħlim tal-Farisin, kontra dak kollu li ma kienx jaqbel miegħu.

Meta Pawlu temm l-istudji tiegħu, huwa reġa’ lura Tarsu, u hemm biex xejn ma jkun jonqsu bħala għaref tal-liġi, tħarreġ fix-xogħol tal-insiġ tat-tined, li ‘l quddiem swielu biex jaqla’ x’jiekol.  Għall-għorrief Lhud, ix-xogħol tal-idejn kien unur kbir.

Billi Pawlu qatt ma jgħid li ra lil Kristu fil-ħajja tiegħu fid-dinja, għandna naħsbu li kemm dam Pawlu Ġerusalemm, Kristu kien għadu ma bediex il-ħidma tiegħu.

Kien wara l-mewt ta’ Kristu li Pawlu mar Ġerusalemm.  Il-kelma ta’ Pietru nhar l-Għid il-Ħamsin tat il-frott; it-tagħlim nisrani beda bil-ftit il-ftit jinxtered qalb il-Lhud.  U l-aħbar waslet sa Tarsu.  Malli Pawlu sema’ li kien hemm tagħlim ieħor kontra dak li tgħallem hu, mar Ġerusalemm biex jara b’għajnejh u jeqred din ir-reliġjon ġdida qabel ma tinxtered aktar.  Narawh fil-qtil ta’ Stiefnu, mhux bħala żagħżugħ għassa tal-ħwejjeġ, iżda bħala għaref tal-liġi li japprova l-qtil.

Il-mewt ta’ Stiefnu kienet xrara li kebbset ħuġġieġa kbira ta’ persekuzzjoni kontra l-insara.  U Pawlu ħadem kemm felaħ ifittex l-insara u jkarkarhom il-ħabs.  Imma Ġerusalemm ma kinitx biżejjed għall-qilla tiegħu.  Telaq lejn Damasku biex hemm ukoll jaqbad l-insara u jkarkarhom lejn Ġerusalemm.  Imma hawn kienet tistennieh il-Grazzja t’Alla.  Dija qawwija għamietu, waqa’ fl-art u Kristu kellmu.  Pawlu ġie mirbuħ u għalhekk baqa’ sejjer lejn Damasku biex jitgħammed. 

Il-konverżjoni ta’ Pawlu hija miraklu tal-grazzja t’Alla.  Wara li tgħammed minn Hananija, Pawlu telaq minn Damasku u mar fid-deżert tal-Għarabija biex fit-talb u fis-skiet jitħejja aħjar għax-xogħol li għalih Alla għażlu.  Wara li dam hemm xi żmien, reġa’ lura Damasku u hemm beda jxandar it-tagħlim ġdid u juri lil-Lhud li Ġesu kien tassew il-Messija.  It-tagħlim ta’ Pawlu ma setax jogħġobhom lil-Lhud, u ftehmu li joqtluh.  L-insara ħarrbuh mill-belt billejl.

Minn Damasku mar Ġerusalemm iżur lil Pietru u qagħad għandu ħmistax-il ġurnata.  L-insara kienu jibżgħu minnu għalkemm kienu jafu bil-konverżjoni tiegħu.  Ried ikun Barnaba biex idaħħlu mal-appostli u mal-insara. Meta f’Ġerusalemm inqala’ tfixkil mil-Lhud, Pawlu kellu jitlaq lejn Tarsu.

Il-Knisja bdiet tikber, l-ewwel insara kienu Lhud.  Wara l-konverżjoni ta’ Kornelju, il-pagani bdew ukoll jidħlu fil-Knisja.  Meta l-appostli semgħu b’dan, huma bagħtu lil Barnaba f’Antijokja biex jingħaqad mal-insara l-ġodda ta’ hemm.  Barnaba ġieh f’moħħu li jibgħat għal Pawlu biex jgħinu.  Damu sena jaħdmu flimkien.  Dan kien il-bidu tal-ħidma ta’ Pawlu fost il-pagani, u kien f’dak iż-żmien li seħħet il-kelma ta’ Kristu lil Pawlu: “Mur għax ser nibgħtek fi ġnus fil-bogħod”.  Pawlu u Barnaba, wara li marru Ġerusalemm biex jgħinu lill-foqra ta’ hemm, bil-ġabra li saret mill-insara ta’ Antijokja, ħadu magħhom lil Ġwann Mark.

Minn issa ‘l quddiem, il-ħajja ta’ Pawlu hi storja tas-safar tiegħu, tal-ħidma u tat-taħbit tiegħu fix-xandir tal-kelma t’Alla qalb il-pagani.  U dan kollu nafuh mill-ħafna ittri li ħallielna huwa stess.

Meħuda mir-rivista Id-Dawl, Ħarġa Numru 4